'Is-Surmast' ta' Trevor Żahra
Rumanz dwar karattru xi ftit eċċentriku... iħallik tidħak filwaqt li sikwit iġiegħlek titħassar u tagħder, waqt li tieħu gost issir midħla tal-protagonist u tissimpatizza miegħu.
Ftit dwar l-awtur...
Trevor Żahra, twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Diċembru 1947 u huwa t-tielet minn erba’ aħwa. Huwa studja fl-iskola Sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u s-Sitt Klassi fil-Liċeo. Fl-1966 daħal jaħdem għal żmien qasir mal-istazzjoni tat-TV lokali, bħala script writer. Kien ukoll jipproduċi programmi għat-tfal u jagħmel xogħol ta’ Presentation Officer. Fl-1967 daħal il-Kulleġġ tal-Għalliema fejn wara kors ta’ sentejn beda jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji. Illum huwa jinsab irtirat wara karriera ta’ 33 sena.
Żahra huwa rebbieħ ta’ bosta premjijiet letterarji prestiġjużi; biżżejjed insemmu li għal 13-il darba kellu kotba rebbieħa fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. F’Diċembru 2004, l-Eċċ.T. il-President ta’ Malta iddekorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’riżq il-letteratura għat-tfal.
Żahra kiteb ukoll diversi xogħlijiet għall-palk, kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar. Id-dramm tiegħu Is-Surmast (ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem) ittella’ fit-Teatru Manoel fl-1994 u fl-1995, kif ukoll fit-Teatru tal-Univisersità fl-2009.
Żahra huwa attiv sewwa fil-qasam kulturali, iżur ħafna skejjel fejn ikellem lit-tfal, lill-ġenerituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi korsijiet dwar is-sengħa tal-kitba.