Is-Sillabu taċ-ĊES għall-2014

04/09/2012 00:24

 

Segwi din il-ħolqa biex tagħti daqqa t'għajn lis-sillabu tal-Malti għall-2014: https://www.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0009/129771/SEC22.pdf

 

Is-sillabu jgħid: “Biex il-kandidati juru ħila fl-għarfien u apprezzament ta’ testi letterarji.” It-termini għarfien u apprezzament ifissru li l-istudenti jkunu kapaċi jeżaminaw u jaraw il-valuri ta’ testi letterarji.

Dan is-sillabu se jbiddel il-mod kif naraw il-kitbiet. Dan għandu jkun stil ġdid għax hemm lok għal aktar kreattività. L-istudent għandu jkun matur biżżejjed biex jeżamina biċċa xogħol letterarja għall-valuri tagħha. B'hekk għandu janalizza mhux biss it-tema, imma anke l-mekkaniżmi li jwasslu dik it-tema.

Għalkemm huwa tajjeb li l-istudent isegwi n-noti dwar silta letterarja, irid ukoll jaħseb b'moħħu u mhux jistenna li jsib kollox lest u jaqbad u jikkwota bl-addoċċ. Irid ikun assertiv biżżejjed biex jemmen li hu stess huwa kapaċi joħroġ bil-kritika tiegħu stess, minflok ma jitgħallem in-noti bl-amment u mingħajr ma jaħseb.

Jekk student jesponi l-ideat tiegħu fuq xogħol, jieħu marki aktar għoljin, għax huwa proprju dan li qed ifittex l-eżaminatur u mhux xi ħaġa uniformi li jafha kulħadd u li kulħadd jirripproduċiha. Meta l-istudent jipproduċi dak li jikteb kulħadd, ma jitlifx marki imma lanqas jgħollihom. Elf kandidat mill-ħamest elef li jagħmlu l-eżami jgħid l-istess ħaġa. L-opinjoni tal-istudenti, fil-parametri tal-poeżija, tiswa iktar minn kull nota li tkun ħarġet sterjotipata. Sakemm is-soġġettività tkun meqjusa, l-eżaminatur irid jirrispettaha. Għax wara kollox is-sillabu jridhom jaħsbu. Kif jista' l-kandidat jagħti prova ta’ għarfien jekk ma joffrix dak li hemm ġo fih? Is-soġġettività hi importanti, basta tkun raġunata.