Il-Premju Frans Sammut: Savio College Tikklassifika fit-Tielet Post
16/11/2014 20:49
Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Novembru 2014, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda l-premjazzjoni tal-ewwel edizzjoni tal-Premju Frans Sammut. Dan il-premju hu maħsub biex l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija jinfirex fil-ħidmiet li jwettqu l-entitajiet privati, l-istituzzjonijiet governattivi, il-mezzi tax-xandir u l-iskejjel kemm fil-komunikazzjoni verbali kif ukoll fil-komunikazzjoni bil-kitba.
Il-premjijiet kienu mqassma f’żewġ kategoriji: kategorija A għall-Entitajiet u kategorija B għall-iskejjel. Il-ġurija, li kienet magħmulha mis-Sur Victor
Laiviera, is-Sa Norma Saliba u s-Sur Paul P. Borg, ippremjat b’dan il-mod:
Taqsima A:
L-ewwel premju lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun
It-tieni premju lill-Enemalta
It-tielet premju lill-Għaqda tal-Malti (Università)
Taqsima B:
L-ewwel premju lill-iskola sekondarja ta’ Pembroke
It-tieni premju lill-iskola primarja tas-Siġġiewi
It-tielet premju lill-Kulleġġ Savio
Qabel ingħataw il-premjijiet saret taħdita mis-Sur Paul P. Borg dwar il-għan tal-Premju Frans Sammut. Huwa saħaq fuq ir-rwol tal-lingwa fl-identità ta’
ġensna. Wara inqara r-rapport tal-ġurija mis-Sur Victor Laiviera. Imbagħad sar diskors mis-Sur Evarist Bartolo, ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, li kellu
konoxxenza twila mal-mibki Frans Sammut. Huwa spjega kif Frans Sammut kellu mħabba kbira għall-ilsien Malti kif ukoll imħabba kbira lejn il-lingwi loħra.
Dawn iż-żewġ imħabbiet ma jeskludux lil xulxin.
Il-mara ta’ Frans Sammut, Catherine, kif ukoll uliedu kienu preżenti għas-serata li saret fil-Lukanda Phoenicia, il-Furjana. Is-serata kienet ippreżentata mill-kantanta Corazon li kantat ukoll tliet kanzunetti minn tagħha.
