Il-Kantilena
Ritratt: Christopher Mamo (www.flickr.com/photos/cmamo)
Tlieta u erbgħin sena ilu, fit-22 ta’ Settembru, żewġ riċerkaturi kollegi, Patri Mikiel Fsadni u Godfrey Wettinger, ħabbru li kienu sabu poeżija miktuba bil-Malti medjevali. Fsadni dak iż-żmien kien qed ifittex fuq l-istorja tad-Dumnikani f’Malta filwaqt li Prof. Wettinger kien qed jirriċerka fuq l-ilsiera. It-tnejn li huma kienu wrew ix-xewqa li jsibu xi ħaġa bl-ilsien Malti, imma qatt ma basru li kienet se tmisshom ix-xorti li jsibu l-Kantilena ta’ Pietru Caxaro!
Din il-poeżija, li fis-sew hija għanja, kienet minsuġa għall-ħabta tal-1450, iżda nstabet verżjoni tagħha fl-atti notarili ta’ Brandano de Caxario. Dan Brandano jgħid li Pietru kien qaribu u li kitibha kif jiftakarha hu: bil-Malti kif imsawra mill-poeta nnifsu. Fid-daħla għal din l-għanja, Brandano jiddeskrivi wkoll lil qaribu bħala “filosfu, poeta u oratur”.
Għal żmien twil, “Mejju ġie bil-Ward u Żahar”, ta’ Ġan Franġisk Bonamico, kienet meqjusa bħala l-eqdem poeżija bil-Malti, sakemm tfaċċat il-Kantilena. Caxaro llum jitqies bħala l-ewwel poeta li kiteb bil-Malti, u għalkemm m’għandniex ħlief din l-għanja li tagħti xhieda tal-ħila poetika tiegħu, għandha valur imprezzabbli, l-aktar minħabba li hija miktuba bil-Malti u minħabba li nkitbet fi żmien meta l-Malti ma kien għad kellu l-ebda dinjità letterarja.
L-eqdem ilsien magħruf li minnu ġej il-Malti huwa dak ta’ nisel semitiku. L-espressjoni ta’ poplu li jinqeda bil-kelma ta’ nisel Għarbi għall-ħtiġijiet ta’ kuljum kienet tradizzjoni mitħaddta, li baqgħet ħajja fost il-kotra li ma kinitx tikteb. Madankollu, din it-tradizzjoni kienet inferjuri għal dik Taljana f’pajjiżna, peress li din tal-aħħar kienet marbuta mal-oqsma tas-setgħa u mal-kultura dominanti ta’ dak iż-żmien. Ma kinitx ħaġa ħafifa li lsien mitħaddet ta’ nisel Għarbi jinkiteb kif jixraqlu, anke minħabba li aktarx kien hemm preġudizzju kontra l-kultura Għarbija u t-twemmin tal-Misilmin. B’hekk, min kien Malti u letterat, għalkemm kien kapaċi jitħaddet bil-Malti, kien jikteb bit-Taljan u xi drabi, saħansitra, bil-Latin jew bl-Isqalli. B’hekk nistgħu ngħidu li numru kbir ta’ għanjiet antiki bil-Malti ntilfu maż-żmien, mhux biss għax kien hemm numru kbir ta’ nies illitterati, iżda għax dawk li kienu kapaċi jiktbu ma kellhomx interess fil-kultura popolari u lanqas kieku riedu ma kellhom ħila jiktbu sew dan id-djalett tal-Għarbi mitħaddet.
Bl-għażla tiegħu li jikteb b’dan l-ilsien, Pietru Caxaro, abitant tal-Imdina u mħallef darbtejn, donnu ried jesperimenta b’din il-lingwa mitħaddta, lingwa li mhux biss kienet nieqsa minn tradizzjoni letterarja miktuba, iżda wkoll imċaħħda minn sistema ortografika li turi kif għandu jinkiteb ilsien ta’ nisel Għarbi f’ambjent li beda jewropeizza ruħu dejjem aktar.
Ta’ min jinnota li x-xogħol ta’ Caxaro jindika li kellu pożizzjoni soċjali għolja. Kien anke tħajjar jiżżewweġ lil Francha de Biglera, iżda ħuha rnexxielu jħassar dan iż-żwieġ u aktarx li Pietru baqa għażeb. Din l-isfortuna aktarx hija riflessa fil-poeżija ta’ Caxaro, li jibda billi jitkellem dwar ix-xorti ħażina li messitu, sakemm fl-aħħar jagħmel il-qalb u jispiċċa b’sens ta’ tama.
Għandna napprezzaw l-isforz ta’ Caxaro, li fetaħ il-mogħdija twila li mbagħad daħlu fiha l-kittieba kollha. L-ewwel kitba li sibna bil-Malti hija eżempju ta’ kemm l-aħjar ilsien li bih jitfissru s-sentimenti u l-esperjenzi personali m’huwiex l-ilsien tal-kultura għolja, iżda l-ilsien tat-tiġrib, dak li huwa l-aktar qrib l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minna fil-ħajja ta’ kuljum.
Isma' l-Kantilena bil-fonoloġija tal-Malti Medjevali
fuq
https://www.akkademjatalmalti.com/filebank/Pietru%20Caxaro%20-%20Il-Kantilena.mp3