'Din Mhix Logħba' ta' Adrian Grima
Din Mhix Logħba hija ġabra ta’ erba’ novella għal qarrejja adolexxenti u kbar.
Ġejja l-Elezzjoni
Ġejja l-elezzjoni u Kirsty qiegħda nofsha barra mit-tieqa tal-karozza ta’ Kenneth, xagħarha jtir mar-riħ tal-bidla.
Filgħodu nqum IKMISSRE
Il-futbol jasal malajr u jdum biex jgħaddi, qisu wġigħ ta’ żaqq. Mhux bħat-telefonata li jirċievi dakinhar, bil-vuċi kollha ragħwa.
Fabbrika tar-Rikordji
Nasal id-dar għajjien mejjet wara sagħtejn ‘basketball’. Imma xħin nittawwal mit-tieqa, u narahom, in-ngħas itirli mill-ewwel. U issa għandi qalbi tħabbat bħal mazza.
Bħall-Kuluri Mxarrbin tal-Ħuta
Neshe qisha ħuta tgħum fis-sikta mixgħula tal-blu. U għal mument wieħed twil, Maya tixtieq tkun bħalha. Bħall-kuluri mxarrbin tal-ħuta.
Imma din mhix logħba.
Xi ħaġa dwar l-awtur...
Adrian Grima twieled fl-1968 u huwa attivist, kittieb, poeta kif ukoll għalliem tal-letteratura Maltija fl-Università ta' Malta. Kiseb id-Dottorat, taħt is-superviżjoni tal-Professur Joseph A. Buttigieg (University of Notre Dame, Indiana, USA) u l-Professur Oliver Friggieri, b’teżi dwar ħames metafori li sawru l-immaġinarju nazzjonali fil-letteratura Maltija.
Kitbiet tiegħu għat-tfal dehru fis-sensiliet Stilel, Senduq Buffuri, Senduq Kuluri, u Kalejdoskopju editjati minn Clare Azzopardi (Merlin Library). Kemm-il darba jkun mistieden biex jaqra l-poeżiji u l-istejjer tiegħu għat-tfal u biex jagħmel laboratorji ta' kitba kreattiva magħhom.
Dr. Grima huwa l-koordinatur ta l-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li waqqaf flimkien ma' oħrajn fl-1998, u jieħu ħsieb il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta li jsir kull sena.
·