'Bella Berger' ta' Rita Saliba
Bella ma kinitx għalkollox komda b’persunitha. Kienet tinħeba ġo flokkijiet wesgħin u l-ġins kienet issibu komdu għal kull okkażjoni. Kultant xtaqet tkun bħal ħabibitha, Jasmine, bl-għadam ta’ ġenbejha mqabbeż ‘l barra jew bħal oħtha Darlene, b’figura ta’ ballerina. Marvin ta’ ħdejhom minn dejjem kien nitfa ta’ tifel. Imma għaliex in-nies jiġġudikawk minn kif tidher aktar milli x’taf tagħmel? U għalfejn dawk ta’ madwarek jibqgħu jinbidlu? Jew jiddettawlek x’għandek tibdel biex tidher aħjar? Sħabek ikollhom ġenn biex jikbru, jew iwarrbuk imbagħad jerġgħu jkellmuk xħin ikun komdu għalihom. Dawk lit kun tħobb tibża’ li jitilqu… In-nanna Bianca se tibqa’ magħha, tirrakontalha, tinkoraġġiha f’ħolmietha? U Bella kienet lesta li tinbidel? Kienet lesta li tikber?
Ftit dwar l-awtriċi...
Fost il-kotba ta’ Rita Saliba nsibu dawk għall-adoloxxenti li bihom rebħet darbtejn il-Konkors Letterarju għal Rumanzi għaż- Żgħażagħ; l-ewwel wieħed Inżul ix-Xemx u t-tieni wieħed, rebbieħ tal-konkors tas-sena li għaddiet, Bella Berger.