'Il-Ġenn li Jżommni f’Sikkti' - Awtobijografija ta' Trevor Żahra

07/02/2014 23:02

L-awtobijografija ta' Trevor Żahra

Jgħidu li kienet xitwa qalila dik tas-'47. Kien għamel ħafna maltemp u saħansitra niżlet il-borra, u waqt li l-majjistra kienet qed taħsilni faqqgħet sajjetta u mar id-dawl ta' kullimkien. Kulmeta z-zija Nena kienet issemmi dan l-episodju kienet tikxef l-abjad t'għajnejha kollu qisha se tirrakkonta t-tmiem ta' traġedja Griega.

Qatt ma stajt nifhem għalfejn kienu għamlu dak l-għaġeb kollu. Forsi ħasbu li s-sajjetta kienet laqtet il-banju u li meta jiġi d-dawl kienu se jsibu li għandhom f'idejhom tarbija mbaskta donnha statwa ta' Pompej; jew forsi immaġinaw li kont se negħrqilhom ġo sitt pulzieri ilma; jew inkella meta semgħuni nħanġar (għax ma naħsibx li bqajt lura) ħasbuni qed nibża' mid-dlam. Insew li kont qattajt disa' xhur sħaħ fid-dlam mingħajr l-iċken tgergira.

 

Trevor Żahra, twieled iż-Żejtun fis-16 ta’ Diċembru 1947 u huwa t-tielet minn erba’ aħwa. Huwa studja fl-iskola Sekondarja Teknika ta’ Raħal Ġdid u s-Sitt Klassi fil-Liċeo. Fl-1966 daħal jaħdem għal żmien qasir mal-istazzjoni tat-TV lokali, bħala script writer. Kien ukoll jipproduċi programmi għat-tfal u jagħmel xogħol ta’ Presentation Officer. Fl-1967 daħal il-Kulleġġ tal-Għalliema fejn wara kors ta’ sentejn beda jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji. Illum huwa jinsab irtirat wara karriera ta’ 33 sena.

Żahra huwa rebbieħ ta’ bosta premjijiet letterarji prestiġjużi; biżżejjed insemmu li għal 13-il darba kellu kotba rebbieħa fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.  F’Diċembru 2004, l-Eċċ.T. il-President ta’ Malta iddekorah bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu b’riżq il-letteratura għat-tfal.

Żahra kiteb ukoll diversi xogħlijiet għall-palk, kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar.  Id-dramm tiegħu Is-Surmast (ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem) ittella’ fit-Teatru Manoel fl-1994 u fl-1995, kif ukoll fit-Teatru tal-Univisersità fl-2009. 

Żahra huwa attiv sewwa fil-qasam kulturali, iżur ħafna skejjel fejn ikellem lit-tfal, lill-ġenerituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi korsijiet dwar is-sengħa tal-kitba.

 

 

 

 

 


Make a website for free Webnode