Il-mistoqsija oħt il-għerf, jgħid il-Malti...

Din is-sezzjoni tintuża għal mistoqsijiet interessanti li jkunu qamu fil-klassi fi kwalunkwe livell u f'kull qasam jew ħila tal-Malti. Tajjeb li kemm il-mistoqsijiet u t-tweġibiet tagħhom jinqasmu miegħek ukoll permezz ta' din il-paġna, biex b'hekk inkunu nistgħu nitgħallmu wkoll minn xulxin :)

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Għaliex m’għadniex nagħmlu differenza bejn il-kitba ta’ ‘skond’ u ‘skont’, meta nafu li dawn għandhom tifsira differenti? Min jiddeċiedi kif kelma għandha tinkiteb?

 

Qabel xejn, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti twaqqaf minn persuni kkwalifikati f’dan il-qasam sabiex kemm jista’ jkun isaħħaħ il-kitba bil-Malti, fejn kollox isir bi proċess demokratiku, permezz ta’ serje ta’ konsultazzjonijiet u anke seminars nazzjonali fuq kull problema. Wara s-smigħ tal-opinjonijiet, il-fażi tad-deċiżjonijiet titħalla f’idejn min hu l-aktar ikkwalifikat. Id-Deċiżjonijiet 1, l-istess dokument (jinsab hawn: https://www.akkademjatalmalti.com/filebank/documents/Decizjonijiet%201.pdf) li fuqu hemm miktub li ‘skont’ illum il-ġurnata tinkiteb l-istess, kemm għal dak li bl-Ingliż insejħulu ‘discount’, inkella ‘according to’, huwa frott ta’ dan il-proċess demokratiku li għadni kemm semmejt, u jiffoka propju fuq il-varjanti tal-ortografija, jiġifieri dak il-kliem li jista’ jinkiteb f’verżjonijiet differenti fil-Malti, li sa ftit żmien ilu kien kollu aċċettabbli. Madankollu, dawn jistgħu ifixklu lil min jikteb bil-Malti, u għalhekk dan id-dokument isib diversi soluzzjonijiet għal dan it-tfixkil, fosthom l-użu ta’ ‘skont’, għaż-żewġ tifsiriet li semmejt bl-Ingliż hawn fuq – kemm għal ‘discount’ kif ukoll għal ‘according to’.


Importanti li nifhmu li l-Kunsill ma vvintax mod ta’ kitba ġdid. Sempliċiment iddeċieda li jżomm biss il-varjant ‘skont’, minħabba regola diġà stabbilita fil-Malti li ssostni li meta tiġi vokali eżatt wara konsonanti, il-ħoss propju tal-konsonanti jinstema. Fil-fatt, biex aħna nagħrfu kif jinkiteb kliem bħal ‘pajjiż’, ‘sdieri’ jew ‘kbir’ (minflok ‘pajjis’, ‘żdieri’ jew ‘gbir’), ngħidu ‘pajjiżi’, ‘sidrija’ jew ‘kobor’. Bl-istess mod, se nibqgħu nimxu ma’ din ir-regola, għal ‘skont’, peress li aħna ngħidu ‘skontok’ (skont int), ‘skontu’ (skont hu) jew ‘skonti’ (skont jien) u mhux ‘skondok’, ‘skondu’ jew ‘skondi’.


L-istess prinċipju japplika għal ‘rkopptejn’ (għax ngħidu ‘rkoppa’), li qabel kienet qed tinkiteb b’ 'b' doppja.

 

 

Għaliex niktbu "prietka" bit-t, imma mbagħad "predikatur" bid-d?

Fil-Malti l-kliem niffurmawh b'żewġ modi ewlenin: bl-għerq jew biz-zokk morfemiku.

Il-kliem Semitiku (mill-Għarbi) għandu l-għerq. Ir-regoli tal-għerq huma ċari: il-konsonanti tiegħu jridu jibqgħu l-istess u jżommu l-istess ordni f'kull kelma li nnisslu minnu. Għalhekk mill-għerq r-s-q noħorġu resaqresqa(i)mressaq, eċċ; minn s-r-q niktbu seraq,serqatisraqmisruq eċċ u minn q-r-s niktbu qarasqarsanoqorsumaqrus eċċ.


Mill-banda l-oħra, il-kliem li ġej mit-Taljan (bħal prietka u predikatur) jew mill-Ingliż (bħal kompjuter) m'għandux għerq. Lanqas kliem ieħor mit-Taljan bħal impjegat kkalkula, m'għandu għerq. Minflok għandu zokk morfemiku (bl-Ingliż, stem) - parti mill-kelma tibqa' dejjem l-istess u magħha nżidu l-"prefissi" (fuq quddiem) u s-"suffissi" (fuq wara).

Mela jekk nieħdu "ikkalkula", iz-zokk tagħha huwa -kalkul-. Miegħu nistgħu nżidu "affissi" (fuq quddiem u wara) kif ġej:

kalkul-atur
ik-kalkul-a
ik-kalkul-at
eċċ.

Maz-zokk -impjeg- inżidu:

impjeg-at
impjeg-a
impjeg-atur
eċċ.

Innota li n-nom "impjieg" mhux maħruġ miz-zokk morfemiku "impjeg". Dan għaliex iz-zokk morfemiku ta' "impjieg" huwa differenti. Ir-relazzjoni grammatikali ta' bejn "impjegat" u "impjieg" issibha fit-Taljan, imma mhux fil-Malti. Fil-Malti nittrattawhom bħala żewġt izkuk differenti u filwaqt li ma' -impjeg- żidna diversi affissi, ma' impjieg żidna biss is-suffiss -i tal-plural: impjiegi.


Mela, fi ftit kliem, iz-zokk morfemiku huwa dik il-parti mill-kelma li tibqa' l-istess, bħaz-zokk ta' siġra, biż-żidiet miegħu fuq quddiem jew fuq wara, bħall-friegħi li ħerġin miz-zokk tas-siġra. Dan iz-zokk ġeneralment niktbuh kif jinħass, ħlief jekk il-konvenzjoni tkun tgħid mod ieħor. L-unika ħaġa li ma niktbux kif tinħass hija l-aħħar konsonanti. Fil-każ ta' impjieg, nisimgħu k (*impjiek) imma niktbu g għax meta nżidu vokali warajha hekk nisimgħu - impjieg-i. Bħalha, impjegatur.


Fil-każ ta' prietka predikatur qed nitkellmu fuq -predik- u prietk-. Il-konsonanti k tiġi ddeterminata mill-vokali li jkollha warajha. (Din hi l-istess raġuni għaliex niktbu issekonda bid-d u skontok bit-t).

Fil-Malti għandna l-konsonanti mniffsa bħat-t, il-k, il-p, is-eċċ. u l-konsonanti mleħħna bħad-d, il-g, il-b, iż-ż eċċ. Bħala regola ġenerali, kull meta żewġ konsonanti jiltaqgħu wara xulxin, bħal fi prietka, l-aħħar konsonanti tikkundizzjona lil ta' qabilha biex tkun bħalha. Jiġifieri jekk l-aħħar waħda tkun imniffsa (fil-każ tagħna k), ta' qabilha trid tkun imniffsa wkoll, (għandna t). Ma tistax tkun imleħħna (d). Fil-fatt, anki jekk tipprova tlissinha, tbati u tinstema' stramba.

 

Hekk ukoll niktbu magna u makkinarju. Tal-ewwel ġejja mit-Taljan macchina, li tagħtina *makna. Imma (minħabba n-n ta' warajha, il-ktinstema' gmagna. Il-fonetika tissuġġerilna niktbu magna, anke jekk imbagħad il-k tibqa' tidher fi kliem bħal makkinarju, li ġej minn zokk morfemiku differenti.

Għalhekk ukoll niktbu vista (mhux viżta), minkejja li għandna viżitatur.

Prof. Manwel Mifsud

https://kunsilltalmalti.gov.mt/mistoqsijiet?id=67

 

Xemx "tiżreġ" jew "tisreġ"?

Il-mamma tal-verb tisreġ (MHUX tiżreġ) hija sireġ u l-għerq huwa S-R-Ġ. Mhux għaġeb li ssib min jiktibha biż-ż, għax l-s f'dan il-verb tinstema' mleħħna (s > ż). Imma issa taf kif tinkiteb u għaliex.

https://kunsilltalmalti.gov.mt/mistoqsijiet?id=55

 

 

"Jgħini" jew "jgħinni"?

Fil-Malti, il-pronom mehmuż tal-ewwel persuna singular wara verb huwa dejjem -ni.

Ejja nieħdu ftit eżempji:

 

jara > jara-ni
jsib > jsib-ni
MELA: jgħin > jgħin-ni

 

 

 

 

 

U l-istess għall-forom l-oħra tagħha (eż. l-imperattiv "għin-ni" / "għin-na"), kif jidher tajjeb f'din il-grafika ta' maratona lokali.

https://kunsilltalmalti.gov.mt/mistoqsijiet?id=80

 

 

Qaluli nikteb "l-inka" mhux "linka". Din tajba?

Każi bħal linka (< l-inka) u larinġa (< l-arinġa) huma żviluppi storiċi, interessanti kemm tridhom, imma li fihom dik il-l (li oriġinarjament kienet l-artiklu) illum ma għandha l-ebda sens ta' artiklu u m'għadhiex tinħass bħala artiklu mill-kelliema tal-Malti.

Meta norbtu l-artiklu ma' kelma u nqisuhom ħaġa waħda, inkunu għamilna agglutinazzjoni tal-artiklu. Meta nifirdu xi konsonanti integrali għax noħduha b'artiklu, inkunu qed nagħmlu deglutinazzjoni tal-artiklu. Din komuni ma' kliem li jibda bil-l. Imma ssibha anke fi kliem li aktarx jibda b'konsonanti likwida.

Ftit eżempji ta' agglutinazzjoni fil-Malti:

Mill-Għarbi: lifgħa (Għ. 'afgħa), ilma (Għ. ma), liżar (Għ. 'iżar).

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): larinġa (T. arancia), laptu (T. abito), lamtu (T. amido), lasta (T. asta), lixka (T. esca), liedna (T. edera),lembut (T. imbuto), loppju (T. oppio), lexxuna (T. ascione).

U eżempji ta' deglutinazzjoni:

Mir-Rumanz (Sqalli/Taljan): injam (T. legname), ajk (T. laico), ittra (T. lettera), anterna (T. lanterna), *otterija (T.>M. lotterija), *użarju (l-użarju<rużarju), *itratt (l-itratt<ritratt), *ofstanhari (l-ofstanhari<nofstanhari).

Bħal dawn l-eżempji tal-aħħar (immarkati bi stilla) hemm oħrajn u bosta minnhom kienu jingħadu (aktarx mill-monolingwi) imma ma jinkitbux.

Fid-deglutinazzjoni, "tħarbat" kelma, u dan aktarx tagħmlu ma' kliem li ma tifhmux meta tisimgħu. Għalhekk ma tantx issib deglutinazzjoni fil-Malti ta' nisel Għarbi.

Prof. Manwel Mifsud

https://kunsilltalmalti.gov.mt/mistoqsijiet?id=62

 

 

X'niktbu: "imġiba" jew "imġieba"?

Fil-Malti għandna 3 tipi ta' vokali i:

(1)  i qasira [= i] (fl-Alfabett Fonetiku Internazzjonali /I/), bħall-i ta' (jiena): żidtmitt
(2)  i twila [= iiii], li niktbuha ie (fl-AFI /I:/), bħall-ie ta' (huwa): żiedmiet
(3)  i twila bil-j [= iiijj], li għalkemm hi twila niktbuha i bħall-ewwel waħda (fl-AFI /i:/), bħall-i ta' (inti) żid!, il-mit ta' Elvis Presley

Normalment, il-kelliema jagħmlu differenza bejniethom it-tlieta, imma xi wħud imbagħad jitħawdu meta jiġu biex jiktbuhom, u l-aktar li jħawdu t-(2) mat-(3). Kulħadd jaf b'dak il-proxxmu li mela l-ħitan ta' Malta kollha bl-avviżi "Sejjieħ u tal-fiel", biex ibigħilna l-ġebel tas-sejjieħ u tal-fil!

Biss imbagħad hemm każi fejn il-kitba tagħna mhijiex fonetika, u tispiċċa tikteb waħda minnhom meta fil-fatt tippronunzja l-oħra. Fost dawn hemm:
(a) każi li hemm raġuni fonetika għalihom, eż. (3) ppronunzjata bħala (2) minħabba li tkun ħdejn il-ħoss ta' ħ jew q (eż. fihxiħrfigħtriq)
(b) każi li għalihom hemm biss raġuni storika, eż. niktbu (3) imma nippronunzjaw (2) fi kliem bħal ngħidu aħna mġiba [ippronunzjatamġieba] għax qisuha li ġejja minn forma m1i:3a; u spirtu [ippronunzjata spiertu] aktarx għax, meta bdiet tinkiteb, iktar ħarsu lejn il-forma oriġinali Taljana milli lejn il-ħoss Malti li kienu qed jirrappreżentaw.

Għalhekk niktbu: (i)mġiba.

Prof. Manwel Mifsud

https://kunsilltalmalti.gov.mt/mistoqsijiet?id=47

 

 



Make a free website Webnode