Ftit Dwari
Jiena l-kbira fost seba’ aħwa, li flimkien trabbejna f’ambjent li jinkoraġġixxi l-arti, il-kreattività, l-għaqda ta’ bejnietna u l-ħeġġa għat-tagħlim. Kont nattendi skola tal-knisja, St. Joseph, il-Blata l-Bajda, fejn apparti l-lingwi (il-Malti, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż) studjajt ukoll il-Fiżika, il-Bioloġija u l-Kimika, flimkien mal-Matematika, il-Kompjuter u r-Reliġjon, sakemm wasalt għall-eżamijiet taċ-ĊES. Wara komplejt l-istudji tiegħi fil-kulleġġ San Alwiġi (Sixth Form), Birkirkara, fejn għażilt li nkompli nistudja l-Istorja, is-Soċjoloġija u l-Bioloġija f’livell intermedju u l-Malti u l-Ingliż f’livell avvanzat. L-imħabba tiegħi lejn dawn iż-żewġ lingwi kompliet tikber meta dħalt l-Università ta’ Malta u komplejt nispeċjalizza fihom it-tnejn.
Wara li ggradwajt b’BA fil-Malti u fl-Ingliż, għażilt li nkompli nagħmel użu miż-żewġ lingwi fil-kors tal-Interpretazzjoni fl-istess università. Permezz ta’ dan il-kors, ksibt ħiliet oħra fil-lingwa mitkellma, aktar milli dik miktuba, u anke skoprejt firxa ta’ vokabolarju ġdid li qed jintuża, speċjalment fil-Malti, li qed jipprova jaqdi u jlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-lum. Wara li ksibt il-PGDip. fl-Interpretazzjoni, tħajjart inkompli navvanza fl-istudji tiegħi billi applikajt għal MA fl-Ingliż mal-Università ta’ Nottingham, u grazzi għall-borża ta’ studju li ġejt offruta mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, taħt l-iskema STEPS (Strategic Educational Pathways Scholarships), dan kien possibbli. Sadanittant, biex anke nibqa’ f’kuntatt maż-żewġ lingwi, iddeċidejt li nagħmel il-kors tal-PGCE (Malti) fl-Università ta’ Malta biex inkun nista’ ngħallem dan is-suġġett tant għal qalbi. Illum il-ġurnata jiena għalliema kuntenta ħafna ġewwa Savio College, Ħad-Dingli, u din l-istess imħabba li għandi jien lejn il-lingwa tiegħi qed nipprova ngħaddiha lill-istudenti li ngħallem f’livell sekondarju. Fl-istess ħin, għadni wkoll studenta tal-MA, din id-darba fid-Dipartiment tal-Malti, ġewwa l-Università.
Peress li jien kbirt ukoll f’ambjent mużikali, għandi wkoll għal qalbi l-kant, id-daqq u t-teatru. Spiss inkun għaddejja b’xi provi għal xi kunċert jew dramm mużikali, però nħoss li dawn iservuni ta’ brejk mir-rutina ta’ kuljum. Barra minn hekk, ngħallem ukoll il-pjanu u l-kant lil xi studenti, u anke nħobb nikteb, nikkomponi u nesperimenta bl-armoniija.
Il-ġurnata tipika tiegħi hi mimlija attivitajiet differenti, u sew jekk qed ngħallem jew nitgħallem, nieħu gost jew nagħti gost b’dak li nkun qed nagħmel, kuntenta li dejjem jirnexxili nsib il-ħin u li għandi biżżejjed enerġija biex inlaħħaq ma’ dan kollu.